venerdì, luglio 08, 2005

Kimika (Riċensjoni)

Illum wara li mort ġibt il-kondotta għax nhar it-Tnejn ħa nibda xogħol (part-time għas-Sajf) mal-Foster Clarks. U bħalma nagħmel kull darba li nitla' l-Belt, noqgħod indur s'għand tal-kotba biex nara x'hemm interessanti (u ħafna drabi nixxennaq daqsxejn għax peress li finanzjarjament mhux qiegħed xi tajjeb ħafna, mhux dejjem inkun nista' nixtri l-kotba kif ġieb u laħaq). Allura nasal wasla s'għand Sapienzas u nitla' sa fuq fejn hemm is-sezzjoni tal-letteratura Maltija. Wara naqra tfittxija nitfa' għajnejha fuq Kimika, l-aħħar ġabra ta' stejjer ta' Immanuel Mifsud. Dan il-ktieb kont ili nistennieh bħal ħafna dilettanti tal-letteratura Maltija kontemporanja, kemm għax lil Immanuel inqisu l-aħjar kittieb tal-ġenerazzjoni tiegħu, kif ukoll minħabba l-fatt li l-istorja movimentata ta' dan il-ktieb, bl-intriċċi u l-kummiedji li kellu jiffaċċja qabel sab ruħu fuq l-ixkafef tal-libreriji, kompliet żiedet l-aspettattivi tal-pubbliku u fl-istess ħin qanqlet sew il-kurżità. Huwa minnu li possibilment, din il-viċenda kienet pjuttost ħaġa frustranti għal Immanuel, iżda minn naħa l-oħra naħseb li din serviet ta' riklam tajjeb ħafna għal ktieb. Kif jgħid il-Malti, "Kull deni ħudu b'ġid".

Insomma, Kimika kont diġà rajtu xi darbtejn qabel fuq l-ixkafef imma peress li ma kellix flus fuqi ma kontx xtrajtu. Iżda llum kont determinat li ninżel lura d-dar jew bih jew inkella bl-aħħar ġabra ta' poeżiji ta' Immanuel, KM. Onestament ma nafx għala ppreferejt nixtri Kimika. Forsi minħabba d-disinn intriganti fuq il-qoxra tal-ktieb (ara l-istampa iktar 'l isfel). Forsi għax il-ġimgħa li għaddiet erġajt qrajt L-Istejjer Strambi ta' Sara Sue Sammut għal ma nafx kemm-il darba għax kont mejjet għal żewġ stejjer tajbin (għalkemm qed niġi fiha, dil-ġimgħa erġajt tajt daqqa t'għajn liż-żewġ kotba ta' poeżija ta' Immanuel: Il-Ktieb tar-Riħ u l-Fjuri u Fid-Dar ta' Clara, jiġifieri ma naħsibx li dik hija r-raġuni prinċipali). Imma nsomma biex ma ntawwalx, qbadt l-ktieb u ħallast lill-kaxxiera isfel u ħriġt kuntent mill-ħanut. Mort dritt fuq tal-linja u tajt daqqa t'għajn il-ktieb u mill-ewwel laqatni l-mod professjonali ħafna ta' kif ġie ppreżentat. Il-karta sabiħa, it-tipa ċara u l-qoxra sublimi. Laqatni wkoll l-bollin żgħir fuq in-naħa t'isfel tal-ktieb li jgħidlek 'Avviż – dan il-ktieb hu ntiż għall-qarrej matur' - probabbli l-ewwel darba li ktieb Malti kellu tikketta fuqu minħabba l-kontenut possibilment espliċitu ta' ġo fih. U bħal meta tkun żgħir meta tara xi ħaġa pprojibita iktar tqanqlek.



Il-qoxra ta' Kimika Posted by Picasa


Dik l-istampa ta' tfajla mħasbba, rassenjata, tiftaħlek it-tieqa u tistiednek tħares ġewwa lejn is-swidija ġġiegħlek tħares lejha iktar milli suppost. Bħal donnha qed turik x'hemm lest għalik wara l-ewwel qoxra tal-ktieb.

Il-ktieb jiftaħ bi storja ħelwa, Kap I, li huwa preludju adattat għall-ktieb ta' dan il-ġeneru għal ħafna raġunijiet. L-ewwel nett jurik il-kuntrast tal-letteratura antika u l-letteratua romantika (dik li nħobb insejħila 'tal-massa' li normalment jinxtraw minn nisa) fejn kollox sabiħ u l-imħabba tipprevali fuq kollox u jirnexxielha tegħleb kull avversità, u l-kitba ħarxa, kerha u li ddarras ta' Mifsud li ma jibżax juża terminoloġija meqjusa vulgari u wisq anqas jibża jitratta suġġetti tabù bħall-relazzjonijiet barra ż-żwieġ, il-prostituzzjoni, id-droga, l-omosesswalità, l-abort, is-sadiżmu u l-pedofelija. Kap I tagħtik x'tifhem li ħafna drabi l-imħabba u l-ħajja huma biss illużjoni ta' ftit mumenti u li fis-soċjetà tal-lum dawn l-affarjiet ftit li xejn għadhom jeżistu. Għalxejn nippruvaw ninħbew wara subgħajna - is-soċjetà tal-lum hija mmerma u mikula. Imbagħad meta nisimgħu b'xi każ fuq xi aħbarjiet nitkexku u ngħidu "ara fiex ġejna!" bħal li kieku mhux dejjem konnha hemm. Id-differenza li hemm min ma jridx jagħti kas u jitfa' kollox taħt it-tapit (u bħat-trab taħt it-tapit dejjem jakkumula). Dan huwa propju l-kontra ta' dak li qed jagħmel Mifsud f'Kimika, għax bħal dik it-tfajla fuq quddiem, jiftaħ it-tieqa lejn is-swidija u l-kruha ħalli tara x'hemm ġewwa. U fid-dlam ma tkunx taf x'hemm lest għalik. Għax id-dlam ibeżżgħek. Id-dlam iġibek konxju ta' kemm tkun waħdek, ta' kemm qed tħawwad, ta' x'mar ħażin. U dak li jgħidulna l-karattri ta' Kimika. Li huma waħidhom, li qed iħawwdu, li għamlu l-iżbalji, li issa intilfu fid-dlam u ma jistgħux isibu t-triq lura, u li kien hemm min tefagħhom fid-dlam u ħallihom hemm waħidhom.

Xi ħaġa li dejjem tolqotni fil-kitbiet ta' Immanuel Mifsud huwa l-fatt li ma jikkundannax lill-karattri u jħalli kollox f'idejn il-qarrej biex jiġbed linja u jifforma konklużjoni. Iżda ħafna drabi, din il-linja hija sottili żżejjed u mhux faċli tagħti ġudizzju kif ġieb u laħaq (u fuq kollox, min aħna aħna biex nagħtu ġudizzju? Min jiskonġra jrid ikun pur u f'did-dinja min hu?). Din hija evidenti ħafna fl-istorja 'Zerafa' fejn avolja l-karattru prinċipali huwa sadist u pedofelu li iġiegħlek tobgħodu, b'xi mod l-awtur iġiegħlek titħassru xorta waħda meta jurik minn xiex għadda hu meta kien żgħir. Xi darba kien vittma hu wkoll u sal-lum il-ġurnata għadu vittma tal-passat tiegħu. Huwa minnu li llum il-ġurnata jagħmel dak li jagħmel, iżda kieku l-passat ma kienx kiefer miegħu, illum il-ġurnata kien jagħmel hekk ukoll? U allura iġibek bejn ħaltejn għax minn naħa jagħtik demm toqtlu u minn naħa l-oħra titħassru u tixtieq li l-passat ma kienx daqshekk kiefer miegħu ħalli forsi llum il-ġurnata ħajtu kienet tkun differenti u l-vittmi tiegħu illum il-ġurnata ma jkunu vittmi xejn. L-awtur bħal donnu jemfasizza li l-karattri tiegħu huma prodotti ta' l-ambjent li trabbew fih meta kienu żgħar u dan huwa evidenti ħafna fi stejjer bħal din li semmejt u 'Sonia'.

Bħalma fetaħ, il-ktieb jagħlaq fuq togħma inqas morra iżda mhux inqas niggieża ta' l-istorja 'Il-Kumpanni ta' l-Ordni tal-Mertu'. Storja ħelwa li niftakar li niżlet tajjeb ħafna ma' dawk preżenti għall-attività mtella mill-Inizjamed fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb (Ara wkoll hawn)

Lil hinn mit-temi tal-ktieb, l-istejjer huma rakkontati b'mod eċċellenti, b'kitba mexxejja u mingħajr ħafna tidwir mal-lewża u tlaqliq imma xorta waħda b'mod li mhux simplistiku. Bħas-soltu jiddomina l-lingwaġġ kultant iebes u vulgari li iżda huwa użat b'mod meqjus ħafna. Lingwaġġ differenti ħafna mir-romantiċiżmu poetiku li rajna fil-poeżiji tiegħu, speċjalment dawk li dehru fil-ġabra 'Il-Kiteb tar-Riħ u l-Fjuri'.

X'ħin spiċċajt il-ktieb indunajt forsi għaliex il-Progress Press kienet imħassba bil-ktieb. Il-kontenut tiegħu mhux wieħed li faċli tiddiġerixxi. Mhux stejjer ħelwin ta' mħabba mitlufa u misjuba, u ta' prinċpijiet lebsin il-blu riekba żwiemel bojod. Dawn m'humiex stejjer. Dawn huma r-realtà - realtà kiefra li tkexkex. Minn hawn ngħid prosit kbira lil Klabb Kotba Maltin li urew fiduċja f'dan il-kittieb u li ma beżgħux jippubblikaw ktieb ta' din ix-xorta. Dan huwa l-ktieb numru 201 fis-sensiela KKM. Nispera li dak il-wieħed issa ma jkunx l-ewwel u l-aħħar ktieb ta' din ix-xorta. Dawn il-kotba 'jaħarqu' m'għandhomx jitwarrbu fil-ġenb sempliċiment minħabba t-temi ttrattati u l-lingwaġġ 'mhux pulit' li jiġi wżat. Sempliċiment għax m'humiex tal-massa u jittrattaw affarjiet iktar komuni li jinżlu tajjeb ma ċerti qarrejja (bħal kotba ta' Attilio Poppardi). Hemm bżonn li kittieba oħra bħal Immanuel, li jkollna ngħidu mhux l-uniku wieħed (tiġi f'moħħi ukoll Clare Azzopardi), jingħataw sostenn u apprezzament f'dak li qed jagħmlu.

Wara li tkun qrajt kapulavuri oħra ta' Mifsud bħal 'L-Istejjer Strambi ta' Sara Sue Sammut', tibda titħasseb jekk il-ktieb suċċessiv hux ser ikun ta' l-istess livell; iżda żgur li b'Kimika, Mifsud ma jiddiżappuntax.

Immanuel Mifsud sar l-ambaxxatur tan-naħa mudlama tas-soċjetà li qed ngħixu fiha. Iħossu fid-dmir jurina dak li ma rridux naraw, u jsemmgħalna dak li ma rridux nisimgħu. Għax dik hija r-realtà kiefra li qed ngħixu fiha. U ma nistgħux naħarbu minnha.

Morru ixtruh.


Aqra ukoll ir-riċensjoni ta' Nigredo.

9 commenti:

L-Imżebbel ha detto...

Kien hemm min qalli li qrah u li ddiżappunta ruħu. Qalli li din id-darba l-istejjer donnhom m'humiex imnebbħin minn esperjanzi personali daqs kitbiet oħra tiegħu.

Jiena ma għadni ma qrajtux, pero' nimmaġina li għamel dan l-ilment għax kurjuż fuq Immanuel bħala persuna u mhux bħala awtur fih innifsu.

Sa ċertu punt din xi ħaġa li nifhimha. Niftakar, meta kelli sbatax-il sena, kont xtrajt "Il-Ktieb tas-Sibt Fil-Għaxija" għax kont kurjuż fuqu bħala persuna, għax bħala għalliem dejjem laqatni. Maż-żmien din il-kurżita birdet, għax ladarba ma kienx baqa' jgħallimmni, għalija bħala persuna kien sar parti mill-passat; niftakar fih biss meta jew naqrah jew meta mmur għand ħuh biex nixtri xi kartolina jew qalziet ta' taħt.

Din kienet ġratli ukoll ma' awturi oħrajn, fosthom Oliver Friggieri, Alfred Sant, Adrian Grima u Bernard Micallef.

Il-fatt li tkun taf lill-awtur personalment ħafna drabi jfixkel iżjed milli jgħin. U nassumi li l-kurżita dwaru bħala persuna maż-żmien tibda tiskomodah ukoll, x'aktarx għax lill-ġewwieni tiegħu jibda jarah wisq imprerreċ.

Roderick Mallia ha detto...

Jiena ma għadni ma qrajtux, pero' nimmaġina li għamel dan l-ilment għax kurjuż fuq Immanuel bħala persuna u mhux bħala awtur fih innifsu....

Il-fatt li tkun taf lill-awtur personalment ħafna drabi jfixkel iżjed milli jgħin. U nassumi li l-kurżita dwaru bħala persuna maż-żmien tibda tiskomodah ukoll, x'aktarx għax lill-ġewwieni tiegħu jibda jarah wisq imprerreċ.

Naqbel perfettament mal-kummenti tiegħek. Jiena wkoll ikolli ċertu interess fil-kittieb innifsu li dejjem jikber iktar ma naqra xogħlijiet tiegħu - fil-fatt naħseb li hija ħaġa pjuttost normali.

Il-problema kif naraha jien hi li ċerti nies ma jafux jifirdu biżżejjed lill-kittieb mill-kitba tiegħu. Ħafna nies donnhom jaħsbu li meta taqra poeżija/storja tkun qiegħed bilfors tiftaħ tieqa f'ħajjet l-awtur bħal li kieku qiegħed taqra xi djarju. Ovvjament, dan jista' jkun il-każ, iżda mhux dejjem. Il-fatt li ma hemmx daqshekk esperjenzi personali ma jnaqqasx mill-mertu tal-kittieb u tal-ktieb.

Ħaġa oħra li tikkundizzjona l-opinjoni tal-qarrej, hija l-mentalità li dan ikollu meta joqrob il-ktieb. Jekk il-qarrej ikun qed jippretendi li l-ktieb ser jieħu ċertu triq, jaf jiddiżappunta ruħu. Irid iħalli 'l ktieb imexxih hu, u mhux il-kontra. Ktieb ma jistax jinqafel f'dak il-mod.

Din ir-riċensjoni hija l-opinjoni tiegħi u ovvjament ħa ssib min ikollu opinjoni differenti min tiegħi.

Kenneth ha detto...

Il-fatt li tkun taf lill-awtur personalment ħafna drabi jfixkel iżjed milli jgħin.

Eżattament. Lil Immanuel "nafu" biss mill-blogg pero' nammetti li meta bieraħ qbadt naqra "L-Istejjer Strambi ta' Sara Sue Sammut" (grazzi Roderick tal-parir), domt tikka ma drajt li dak li qed naqra hija l-istorja li mhux bilfors hi realta' (għalkemm imnebbħa minnha) u dawk il-karattri la jisimhom "Immanuel Mifsud" u lanqas ma jirrappreżentaw lilu.

Forsi l-fatt li rari mmiss ktieb ikkontribwixxa wkoll biex nitħawwad għall-ewwel, imma ninsab konvint li l-iktar ħaġa li tellfitni kienet ħabba li f'dal-ktieb, l-awtur mhuwiex "probabbilment xi mdejjaq ta' mezza-eta' li ilu mejjet xi ħamsin sena u minjaf minn fejn il-madonneċ inqala'".

L-Imżebbel ha detto...

l-awtur mhuwiex "probabbilment xi mdejjaq ta' mezza-eta' li ilu mejjet xi ħamsin sena u minjaf minn fejn il-madonneċ inqala'".

Pero' naħseb li jekk naqraw lil Immanuel qabel, ngħidu aħna, Ellul Mercer, inkunu qegħdin inpoġġu l-karru qabel il-ħmar.

Ovjjament, hawn m'inix ninsinwa li Immanuel huwa litteralment karru, u wisq anqas ħmar :)

Guze' Stagno ha detto...

Jien rumanzi bhal Leli ta' Haz-Zghir u L-Ibleh issa qed naqrahom. Ninsab cert li kieku qrajthom tliet snin ilu ma kinux se joghgbuni kif ghogbuni issa.

L-Imżebbel ha detto...

Jista' jkun li forsi għax jien inħobb inpoġġi kollox f'perspettiva storika.

Kenneth ha detto...

Probabbli, l-imżebbel. Jien li ma tantx jien imdorri għal dawn l-affarijiet, inħobb nibda mill-modern li nista' nifhmu u nirrelata miegħu mill-ewwel mingħajr ma naqbad nitlef l-interess. Ikun biss wara dan li naqbeż għall-"antik".

Gosti, naħseb.

L-Imżebbel ha detto...

Naħseb hi attitudni. Jien nippreferi mmur lura fl-istorja biex imbagħad nara kif xi ħaġa tkun evolviet. Anke meta niġi għal artist partikolari, dejjem nipprova nibda mill-ewwel xogħlijiet tiegħu u nibqa' sejjer. Fil-fatt Kimkika għadni ma qrajtux għax fadalli xi kitbiet preċedenti tiegħu li għadni ma qrajthomx.

Imma hawn min iħossu komdu jagħmel mod ieħor. Imma din il-biċċa xogħol darba ppruvajtha wkoll bl-albums ta' Miles Davis, u kont se niġġennen! hehe

Lena ha detto...

Jien il-qari nhobb niehdu kif jigi - ghalija isbah niltaqa' ma' ktieb f'xi librerija jew hanut tal-kotba, u minn hemm jibda l-interess lejh. Ir-rapport tieghi mal-kitba u l-kittieb b'hekk inhossu ahjar. Ricerka naghmilha wara jekk ikolli aptitha/bzonnha. Kulhadd differenti hux ;)