mercoledì, febbraio 01, 2006

Impressjonijiet ta' Frar

Niftaħ għajnejja u nħares lejn iċ-ċeullulari fuq imħaddti - is-6.05 a.m. Noħroġ mis-sodda u mmur sal-kamra tal-banju biex inbaħbaħ wiċċi bl-ilma kiesaħ. Ġurnata friska oħra llum. Nieqaf għal mument inħares lejn il-mera donni qed nistenna 'l dak jgħidli xi ħaġa. Nilmaħ għajnejh iżebbġu għajjiena minn bejn it-troffi ta' xagħar imniżżla fuq wiċċu. Ma jridx kliem donnu. Immur nixwi biċċtejn ħobż u nagħmel magg kafè jaħraq u niġi nixorbu mat-tieqa ta' kamarti.

Barra l-ajru maqgħud u sħab imħasseb donnu ma jafx x'irid. Il-boganvilla tal-ġardina tiffrosta bl-addoċċ qisha kuċċier spjetat, u qattus iswed jistkenn taħt il-ħibiskus. Karozzi telgħin u neżlin joborxu l-asfalt bejn mumenti ta' silenzju fejn jinstema' biss ir-riħ jonfoħ u jsabbat bil-ponn mal-ħġieġ tat-tieqa tiegħi.

Imma ħarsti tmur oltrè l-ġardina u t-triq u ssib serħan bejn il-mewġ tal-baħar. Illum sabiħ il-baħar - tielgħa ma' Sant Anġlu qisu tifel imqareb jiddendel ma' djul ommu għax ma ħax dak li ried. Jiggranfa u jsabbat, jimbotta u jiġbed b'rabja sa ma jinfaqa' u jħalli biss togħma mielħa warajh.

Illum il-frisk. Nerġa' mmur inferra tazza kafè u nitfgħalu beżqa ħalib u narah idub u jkanġi f'kuluri strambi. Barra l-baħar għadu ggranfat u r-riħ għadu jsabbat. U x'imkien taħt il-ħibiskus, il-qattus għadu mistkenn, jistenna' li tfiġġ xi daqsxejn sħana.

7 commenti:

Jacques René Zammit ha detto...

makjetta helwa. ghogbitni. u qed nghir wisq ghar-riha tal-bahar u d-dehra tal-mewg jilghaq is-swar!

Pierre J. Mejlak ha detto...

Prosit, Rod. Hadt gost naqraha. Toghgobni - ghajr ghall-fatt li, marelli, tbakkarlu kmieni wisq!! :)

Brazen Hussy ha detto...

just looking at your profile mugshot makes me determined to learn Maltease just to read wot bonkers blogging u might be posting..hope u wont disappoint me ta' when I finally crack the Da Malti Code..so, judging by yr mugshot I'm guessing you're into..Theatre? Hamlet? Star-Gazing? My-Best-Profile-Posing? heh heh...Ray Calleja's gonna sue ya for Profile Plagiarism!

Roderick Mallia ha detto...

Grazzi tal-kummenti ħbieb.

Kenneth ha detto...

Għoġbitni din, Rod. Prosit.

Antoine Cassar ha detto...

Prosit ħafna, Rod. Għoġbitni speċjalment din:

Illum sabiħ il-baħar - tielgħa ma' Sant Anġlu qisu tifel imqareb jiddendel ma' djul ommu għax ma ħax dak li ried. Jiggranfa u jsabbat, jimbotta u jiġbed b'rabja sa ma jinfaqa' u jħalli biss togħma mielħa warajh.

Bellezza!!

Antoine Cassar ha detto...

Xi xahrejn oħra jien ukoll se nibda ngħir għar-riħa tal-baħar u għal dik id-dehra tal-mewġ jiddendel ma' djul ommu... sakemm nitlaq beħsiebni napprofitta ruħi billi nirrespira dik ir-riħa mielħa u friska kull ma nista', anki jekk fl-aħħar inkun xbajt minnha.